Jump to ratings and reviews
Rate this book

Rakkonti Inkontri

Rate this book
- Jista' bieb iżaqżaq jitfa' seħer fuq dar ġdida tant li jseħħu fiha erba' sekli ta' taqlib?
- Qatt kont taf bniedem li jisfida l-Istabbiliment biex iħares siġra li jkun rabat qalbu magħha?
- Xi jħoss iċ-ċkejken Paco meta jilmaħ f'nofs l-arena t-toro bravo li kien trabba fl-għelieqi ta' missieru?
- Teżisti rabta bejn il-moħħ tal-individwu u l-moħħ kollettiv tal-umanità?
- X'jista' jinqala' ħesrem fl-eqqel ta' skappatura sesswali f'bajja mwarrba Għawdxija?

F'din il-ġabra ta' novelli u kwadri mill-ħajja niltaqgħu wkoll maċ-ċkejkna Gracie ta' xagħarha aħmar; mat-taħrik spiritwali ta' bniedem li jkun tilef il-fidi; maz-ziju brijuż tal-Amerka li sfida l-ħajja b'sensiela bawxati; mal-artist ossessjonat li l-ġenju tiegħu se jwasslu għas-sejba tal-verità totali; max-xwejjaħ solitarju li r-ritmu monotonu ta' ħajtu jixbaħ id-dawrien ta' żveljarin; mal-benestant li ma jagħrafx isarraf f'azzjoni dak li jaqra b'tant ħerqa; mal-votant diżilluż li f'jum l-elezzjoni jiddeċiedi jagħmel waħda minn tiegħu...

Victor Fenech, magħruf l-aktar bħala poeta tal-protesta, minn dejjem kien miġbud lejn il-forma letterarja tan-novella. F'din il-ġabra huwa jidher jgħarrex attitudnijiet soċjali u kuxjenzjali f'għadd ta' karattri li ma jixxiebhu xejn, imma li lkoll flimkien joħolqu taħlita omoġenja ta' dinja buffa li hi tagħna lkoll. Kellu raġun min kiteb li d-dinja sħiħa hija palk u l-bnedmin kollha ta' ġo fiha sempliċiment atturi?

162 pages, Paperback

First published January 1, 2013

3 people want to read

About the author

Victor Fenech

22 books1 follower

Ratings & Reviews

What do you think?
Rate this book

Friends & Following

Create a free account to discover what your friends think of this book!

Community Reviews

5 stars
0 (0%)
4 stars
1 (50%)
3 stars
0 (0%)
2 stars
1 (50%)
1 star
0 (0%)
Displaying 1 of 1 review
Profile Image for Claire Zerafa.
14 reviews4 followers
September 9, 2018
Il-kitba ta' Victor Fenech dejjem assoċjajtha mal-poeżija u mal-poeproża. Fettilli naqra din il-ġabra ta' novelli - tliet novelli fl-ewwel taqsima u sensiela ta' "kwadri" fit-tieni taqsima. Ħadt gost ħafna naqra l-kitba prożajka tiegħu. Bil-kelma jirnexxilu jinseġ stejjer li waqt il-qari tagħhom tinsa d-dinja ta' barra u tidħol fid-dinja tiegħu, dinja msejsa fuq valuri sodi u sbieħ bħall-ħarsien tal-elementi naturali. Ir-rakkont tiegħu hu sempliċi imma tħoss mumenti li qed iħaddem it-teknika tal-poeproża u tħossok qed tidħol f'livell ieħor ta' kitba, kitba fina u artistika. In-novella "Is-Siġra Tagħna" laqtitni immens, forsi għax qegħdin ngħixu żmien ta' qerda ta' siġar u nħossni frustrata u rassenjata fl-istess ħin. Victor Fenech jinħass li din it-tema tkiddu ħafna. Dan l-aħħar attendejt taħdita dwar il-letteratura u l-ispazju. Xi ħadd ikkummenta li din it-tema tal-ispazju se tkun it-tema tal-kittieba kontemporanji. Victor Fenech hu wieħed minnhom, ma nafx jitqiesx b'kontemporanju, imma żgur li qed jikteb fuq il-kontemporanju u jistħoqqlu kull ġieħ.

Se nikkwota biċċa li fl-opinjoni tiegħi hi tajba immens:

"Dak il-lejl m'għalaqtx għajn m'għajn, nitqalleb biss. Sew qabel ma beda jbexbex ħriġt mill-friex, ilbist, u nżilt isfel nieħu belgħa kafè. Jien u ħiereġ waqaft quddiem l-inkwatru tal-Kurċifiss ħdejn il-bieb ta' barra. Domt ftit inħares lejh. F'qalbi għedtlu, 'Din għalik ukoll, għal ġieħ Missierek li tana dinja ġenna u għamilnihielu miżbla.' Raddejt is-salib u bis-senter imdendel ma' spallti u l-iskataċ fil-but irħejtilha lejn il-balluta xiħa, lejn 'is-siġra tagħna', tiegħi u ta' Doriette, u ta' Donald u Lisbeth, anki jekk dawn illum ċaħħduha. Kemm konna qattajna żmien taħtha u kemm konna nġbidna lejha din l-imbierka ħarruba! Ħoxna, miftuħa, matrijarkali. Qadima daqs iż-żmien, fertili bħall-mara l-ħoxna ta' Ħal Tarxien, fdal ta' deità misterjuża. Kemm ħsibijiet kienu jgħaddu minn moħħi jien u nintefa' għal dahri taħtha! Wiċċi 'l fuq, kont nittanta naqra l-ġografija ta' zkukha jifirxu f'kull direzzjoni u jwieżnu 'l xulxin. Kont ngħarrex l-irqajja' sema minn bejn il-friegħi, is-sħab galjun għaddej kajman fuq sfond in-nir. Tassew konna rbatna qalbna magħha dil-ħarruba, ħabiba bla kliem, wenniesa bla tmiem. U mela le ma nċedihiex! Mela le, ma nagħtihiex mirbuħa bla battalja!

"Kmieni filgħodu waslu l-ewwel inġenji. Ħriġt l-iskrataċ mill-but. Bil-kalma kollha ġbidt il-firroll, daħħalt l-ewwel skartoċċ fil-kanna, u l-oħrajn fil-magazzin ..."

In-novella "Korrida" għoġbitni ħafna wkoll. Stħajjiltni qed nara film artistiku, minflok rajtu f'moħħi bil-kliem. L-istejjer qosra tat-tieni taqsima, imsejħin "Kwadri" huma ħelwin u interessanti. Fihom Victor Fenech joħroġ fil-beraħ id-dubju tal-bniedem dwar l-eżistenza lil hinn mill-ħajja fiżika; il-pożittività li twassal għal ħajja tajba jekk ma titteħidx b'wisq b'serjetà; il-kreattività tal-artist mhux mifhum għax differenti mill-bqija; il-falsità tal-politiku; il-politika mnawra; il-vulnerabbiltà tal-anzjanità; l-imħabba projbita; is-seħer tas-safar; it-tfulija u l-ewwel infatwazzjoni; u t-tifsira tal-ħajja. Se nagħlaq bi kwotazzjoni mill-istorja "Żveljarin" ... se nikkwotaha għax laqtitni ħafna.

"Wieqaf quddiem it-tieqa, bil-kikkra f'idu l-fwar tiela' lejn wiċċu u jtappan il-ħġieġa, ħassu jistejqer, anki komdu. Lehma ta' paċi mlietlu moħħu f'daqqa. Xtaq isellem lil ħutu l-bnedmin kollha, qegħdin fejn qegħdin, ta' liema kulur u twemmin huma, għax ilkoll ħutu fil-ħolqien, u d-dinja tagħna lkoll. Il-ħajja: dik l-avventura fantastika li dduqha darba biss. U x'hemm warajha ma tafx. Ikollok tafda fil-fidi li rawmu jew sfurzaw fik minn żgħir. Taf li xi forma ta' tkomplija teżisti. Taf li xi id moħbija qed iddawwar l-iżveljarini kollha tal-pupazzi kollha tal-pajjiżi kollha f'kull rokna tad-dinja. Pupazzi. Biljuni fuq biljuni minn ewl il-ħolqien. Pupazzi li jfaqqsu, jikbru, jitkellmu, jiċċaqalqu, jibdew u jgħibu. U fl-aħħar jitqiegħdu ġo kaxxa biex titniżżel f'ħofra fl-art ħa jitmermru maż-żmien u jsiru koċċ għadam moqżież - sa ma jgħibu saħansitra mill-memorja. X'misteru perenni hu dan, ħaseb, ta' mnejn ġejjin u fejn sejrin!"

Ħerqana biex naqra r-rumanz tiegħu "Ix-Xitwa ta' wara s-Sjuf".
Displaying 1 of 1 review

Can't find what you're looking for?

Get help and learn more about the design.